6 xhur ħabs għal Somalu li seraq mobile f’Paceville

Ir-raġel diġà kellu akkużi u sentenzi ta’ ħtija għal reati simili

Mustafa Mohamud Mohamed, raġel Somalu li jgħix fiċ-Ċentru miftuħ ta’ Ħal Far, ingħata sentenza ta’ 6 xhur ħabs wara li ammetta għall-akkużi li kellhu fil-pussess tiegħu mobile mistruq, u li kien reċediv.

Fil-Qorti, l-Ispettur tal-Pulizija Matthew Spagnol qal lill-Maġistrat Francesco Depasquale li Mohamed kien arrestat fis-01:00 ta’ filgħodu f’Paceville fit-18 ta’ Marzu u nstab fil-pussess ta’ mobile Samsung li kien għadu kif ġie rrappurtat misruq minn tfajla. Il-mobile ġie rritornat lura lil sidu.

Mohamed, li diġà kellhu numru ta’ kundanni, kien oriġinarjament akkużat għas-serq tal-mobile, iżda l-akkuża ġiet irtirata fil-bidu tas-seduta.

L-ispettur saħaq li l-akkużat kien diġà wettaq numru ta’ krimini, u li fil-passat kien diġà ġie akkużat u nstab ħati ta’ serq. “Din id-darba instab fil-pussess tal-oġġett misruq. Dan juri mġieba rikorrenti minn naħa tal-akkużat u għaldaqsant tinħtieġ sentenza ta’ ħabs.”

L-avukata li ddefendiet lill-akkużat qalet lill-Qorti li ma taqbilx mal-insistenza tal-prosekuzzjoni dwar piena ta’ ħabs, hekk kif irrimarkat li l-mobile kien mogħti lura lil sidu u li għaldaqstant ma saret ebda ħsara. Il-Qorti semgħet l-akkużat jammetti, innotat li l-akkuża ta’ serq ġiet irtitrata mill-prosekuzzjoni stess, u għaldaqstant sabet lis-Somalu ħati u kkundannatu għal 6 xhur ħabs.

More in Qrati u Pulizija