30 xahar ħabs għal Somalu li seraq mobile

Iż-żagħżugħ, hedded lill-vittma b'sikkina, qabel seraqlu t-telefon ċellulari

Żagħżugħ Somalu ta’ 21 sena ġie kkundannat 30 xahar ħabs wara li ammetta li hedded raġel barrani b'sikkina sabiex jisraqlu t-telefon ċellulari.

Mohmaed Hasan Abdillahi, li jgħix fiċ-ċentru miftuh ta' Ħal Far, ammetta li fit-12 ta’ Marzu li għadda, għall-ħabta tal-4.30 ta' filgħodu, f’San Ġiljan, hedded u uża sikkina li biha kkaġuna feriti gravi fuq Nicolas Marie Joseph Lejuene, sabiex jisraqlu t-telefon ċellulari tiegħu.

Huwa ammetta wkoll li kien fis-sakra f’post pubbliku, li kiser il-paċi pubblika u li kiser sentenza mogħtija mill-Maġistrat Carol Peralta fid-19 ta’ Awwissu 2015.

Il-Maġistrat Aaron Bugeja ikkundannah 18-il xahar ħabs għal dan il-każ u ordna li jidħlu fis-seħħ it-12-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn li kien ikkundannah il-Maġistrat Peralta.

Il-prosekuzzjoni fil-każ tas-serq tat-telefon ċellulari tmexxiet mill-Ispettur Elton Taliana waqt li Abdillahi kellu jassistih lill-Avukat Francine Abela.

More in Qrati u Pulizija