It-travi tal-ħadid li ser ikunu parti mill-pont u ser jitqiegħdu fuq il-kolonni tul il-flyover, waslu Malta minn Spanja. Tmienja mis-sittax-il travu ser jinġarru mill-Marsa sal-Kappara bejn illum u nhar il-Ħadd li ġej billejl.
It-trejlers ser jitilqu minn Dock 7 il-Marsa fit-8.00 ta’ filgħaxija u ser jgħaddu mill-istess rotta li ġiet ippjanata u ppruvata fil-ġranet li għaddew, jiġifieri, minn Triq il-Labour, Triq Aldo Moro, mill-bypass tal-Marsa-Ħamrun, mill-mini ta’ Santa Venera, Triq Reġjonali u Triq Mikiel Anton Vassalli.
It-trejler ser isuq fuq il-karreġġjata tal-lemin tat-triq għax huwa iktar faċli biex jimmanuvra. Dawn it-toroq ser ikunu magħluqa f’partijiet biex is-sewwieqa jgħaddu minn toroq alternattivi bl-inqas inkonvenjent. Mal-wasla fil-Kappara, dawn it-travi ser jinħattu u jiġu wweldjati fil-post, għalhekk l-aċċess għall-Kappara mistenni jingħalaq bejn l-10.00 ta’ bilejl u s-6.00 ta’ filgħodu.
Il-pulizija u l-uffiċjali ta’ Transport Malta ser ikunu fuq il-post biex jagħlqu t-triq kif meħtieġ u jiggwidaw lis-sewwieqa minn toroq alternattivi.
Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, u l-kuntrattur ser isegwu t-trejler matul ir-rotta kollha biex ikunu hemm f’każ ta’ bżonn.