€1000 multa talli gidem Pulizija

L-akkużat gidem Pulizija lbieraħ wara li dan waqqfu minħabba sewqan perikoluż

Raġel ta' 31 minn San Gwann, ingħata sentenza sospiża u multa ta' €1000 wara li lbieraħ gidem Pulizija li waqqfu minħabba sewqan perikoluż.

Jidher li meta l-Pulizija waqqaf lill-akkużat, huwa kien għadu kemm iġġieled u hedded lit-tfajla tiegħu u kien qiegħed isuq b'mod perikoluż wara l-karozza tal-linja li fiha telgħet it-tfajla.

Carlos Gauci ġie akkużat ukoll li fil-05:00 ta' filgħodu tal-bieraħ huwa kiser il-paċi u li uża lingwaġġ oxxen quddiem residenza fil-Birgu. Jidher li mal-wasla tal-Pulizija fuq il-post, l-akkużat m'għobdiex l-ordnijiet mogħtija lilu u waqt ġlieda magħhom huwa gidem lil wieħed mill-Pulizija. Minbarra dawn l-akkużi, Gauci ġie wkoll mixli b'sewqan perikoluż b'veloċità eċċessiva u li ma obdiex numru ta' regolamenti tat-traffiku.

Gauci ammetta għall-akkużi kollha miġjubin kontrih. Il-Qorti kkundannatu għal 9 xur ħabs, sospiżi għal sena u tagħtu multa ta' €1000. B'talba tal-prosekuzzjoni il-Qorti ordnat ukoll li tiġi sospiża l-liċenza tas-sewqan tal-akkużat, kif ukoll ġie ordnat li ma javviċinax lill-Pulizija involuti fil-każ, it-tfajla jew membri tal-familja tagħha għal tal-inqas sena.

More in Qrati u Pulizija