Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista intqal kif il-blogger Nazzjonalista Daphne Caruana Galizia, fl-ewwel opportunità tagħha biex fil-Qorti tipprova l-allegazzjonijiet infondati li għamlet fil-konfront tal-Minsitru Chris Cardona u fil-konfront ta’ Dr. Joe Gerada, għażlet li ma tidhirx.
L-avukati li qed jidhru għall-Ministru Cardona u Dr Joe Gerada, enfassizaw li Daphne Caruana Galizia, wara li għamlet allegazzjonijiet serjissimi, naqset milli tieħu l-ewwel opportunita’ li tippreżenta l-provi u l-evidenza li bbażat fuqhom is-serje ta’ stejjer li kitbet kontra Cardona u Gerada dakinhar illi ppubblikathom.
"Dan ikompli jikkonferma kemm Daphne Caruana Galizia tippubblika stejjer mingħajr ma’ tivverifika l-fatti, tant li permezz tal-avukati tagħha, resqet rikors biex tipprova tibda tiġbor l-informazzjoni issa aktar minn tlett xhur wara li ppubblikat serje ta’ stejjer malafamanti. Dan f’tentattiv iddisprat biex tiġġustifika l-istejjer tagħha jew toħloq aktar dubji u konfuzzjoni," sostna l-PL.
L-istqarrija temmet tgħid li "din hija strateġija simili għal dak li qed tippubblika fil-konfront tal-Prim Ministru u l-familja tiegħu, fejn wara li ppublikat l-allegazzjonijiet, għamlet talba pubblika għall-informazzjoni u qed tirrifjuta li tikkopera mal-Maġistrat inkwerenti."