Bulgari jitressqu l-Qorti b'rabta ma' serq mill-bwiet

Il-Bulgari m’għamlux talba għall-ħelsien mill-arrest.

Ritratt | Arkivji
Ritratt | Arkivji

Ħames irġiel u tmin nisa Bulgari, li l-età tagħhom tvarja minn 21 u 33 sena, stqarrew fil-Qorti li ma kienux ħatja għall-akkuża li matul ix-xhur li għaddew serqu mill-bwiet tan-nies u li kienu jiffurmaw parti mill-kriminalità organizzata.

Il-Bulgari m’għamlux talba għall-ħelsien mill-arrest.

Wara jiem ta’ osservazzjoni, dawn il-Bulgari ġew arrestati mill-Pulizija l-Ħamis li għadda meta kienu se jitilqu lejn l-ajruport biex jitilqu minn Malta.

Dakinhar, il-Bulgari kellhom ammont sostanzjali ta’ flus f’ewro, sterlina u muniti barranin.

Kellhom ukoll mowbajls li kienu ġew irrappurtati li nsterqu.

Huma kienu akkumpanjati minn erbat itfal ta’ età bejn l-erbgħa u s-sitt snin, li fil-preżent qed jingataw l-assistenza tal-Appoġġ u qed jinżammu f’istitut.

Il-Pulizija għandha filmati mill-kameras tas-sigurtà, li juru kif it-tfal kienu qed jitqabbdu mill-adulti f’din l-attività kriminali.

Huwa mistenni li fil-ġranet li ġejjin, in-nanniet tagħhom jiġu Malta biex jeħduhom magħhom il-Bulgarija.

More in Qrati u Pulizija