Illum fil-Qorti tressaq it-tieni raġel b’konnessjoni mas-serqa mill-ħanut tal-ġojjellerija Diamonds International f’Tigne x-xahar li għadda.
L-Ispetturi Carlos Cordina, Mark Mercieca u James Grech fetħu proċeduri kontra Artan Coku ta’ 25 sena resident Gwardamanġa quddiem il-Maġistrat Grazio Mercieca. Huma akkużaw lil Coku b’serq aggravat.
Il-kompliċi ta’ Coku, Daniel Muka kien arrestat ftit wara s-serqa.
Dan ta’ l-aħħar kien akkużat b’attent ta’ qtil, li rreżista larrest u li kellu l-kokaina.
Kien għall-ħabta tal-10 ta' filgħodu tal-5 ta' Ottubru li għadda meta żewġ persuni ta’ nazzjonalità barranija, daħlu armati u lebsin parokka fil-ħanut u ordnaw li jingħatalhom il-flus.
Matul is-serqa, ħaddiem li kien fil-ħanut kien sofra ġrieħi ħfief f'saqajh iżda għadu mhux ċar jekk dan kienx riżultat ta l-isparatura. Is-serqa ġiet mfixxkla minn gwardjan tas-sigurtà li nzerta kien xogħol f'Tigne Point, Taljan li sofra daqqiet f’rasu.
Iż-żewġ hallelin ħarbu minn fuq il-post fuq 'quad bike' fid-direzzjoni lejn ix-xatt f'Tas-Sliema hemmhekk huma bidlu l-vettura għal karozza bajda, li aktar tard instabet abbandunata fil-Gżira.