Mara residenti Paceville nħelset mill-akkuża li kienet qed tbiegħ sigaretti tal-kuntrabandu wara li ma kienx hemm biżżejjed provi hekk kif l-istqarrija li għamlet mal-Pulizija ma kinitx valida għall-Qorti.
Fl-2002, il-Pulizija kienu bdew jinvestigaw numru ta’ każijiet ta’ allegat bejgħ ta’ sigaretti tal-kuntrabandu mill-magni. Meta l-Pulizija marru f’supermarkit fil-Belt Valletta ma kienx hemm iċ-ċwievet għall-magni, fejn eventwalment instab li ma kienx hemm sigaretti tal-kuntrabandu.
Għaldaqstant, meta l-Pulizija kienu se jħallu l-post, ħaddiem sostna li t-tfittxija għaċ-ċwievet tal-magni kienet skuża li qallhom l-imgħallem biex ikun jista’ jlaħħaq jieħu s-sigaretti fir-residenza tal-akkużata.
Hija kienet ikkoperat mal-Pulizija fl-investigazzjonijiet fejn għaddiet ukoll dettalji ta’ persuni li kienu jfornu s-sigaretti tal-kuntrabandu.
Il-każ kien għamel żmien wieqaf meta l-akkużata kienet allegatament investigata fuq każ relatat mad-droga. Il-każ kompla meta rritornat Malta.
Fil-Qorti ntqal li l-prosekuzzjoni naqset milli tressaq il-provi li s-sigaretti li kellha l-akkużata kienu l-istess li suppost kellu l-imgħallem tas-supermarkit. Il-Qorti ħelset lill-mara mill-akkużi mressqa kontriha u ordnat li s-sigaretti jinqerdu.