Żebbuġi ta’ 47 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li abbuża sesswalment minn ħamest itfal li l-età tagħhom tvarja minn 13 sa’ 16-il sena.
Huwa kien akkużat ukoll li ġiegħel tifel ta’ 13-il sena jipparteċipa f’xena pornografika.
Kien akkużat ukoll li pproduċa materjal pornografiku u kellu l-pornografija bit-tfal.
Fil-Qorti ntqal li l-Pulizija arrestaw lill-akkużat wara li ġew mgħarrfa li kien qed jipproduċi l-pornografija u jibgħat il-filmati lit-tifel ta’ 13-il sena.
Allegatament huwa kien ilu jabbuża mit-tfal bejn sitta u seba’ snin. Intqal ukoll li uħud mill-vittmi llum saru adulti u għandhom familja.
Il-Qorti ordnat li l-ismijiet tal-vittmi ma jiġux ippubblikati filwaqt li ma laqgħetx it-talba li saritilha biex tordna lid-Direttur tal-Ħabs biex iwettaq eżami mediku fuq l-akkużat.