Qtil DCG | Kien Matthew li ra l-isplużjoni iżda ma seta’ jagħmel xejn biex isalva lil ommu

Bit-'top-up' ta' €5 li George Degiorgio talab li ssirlu fuq il-mowbajl, il-Pulizija akkwistat il-'call profiles' tiegħu ta' ħuh Alfred u ta Vince Muscat

Il-Pulizija li skortaw lit-tliet imputati lejn il-Qorti
Il-Pulizija li skortaw lit-tliet imputati lejn il-Qorti

Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit beda s-smigħ tal-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ l-aħwa George u Alfred Degiorgio, magħrufa bħala iċ-Ċiniż u l-Fulu rispettivament u Vincent Muscat magħruf bħala l-Koħħu. Huma ġew arrestati fl-inħawi tal-Menqa fil-Marsa b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit

Is-smigħ beda wara li l-Maġistrat ma aċċettatx it-talba li saritilha mid-difiża biex ma tkomplix tisma' l-provi li nġabru u lanqas talba oħra biex il-Qorti Kostituzzjonali tistħarreġ kif il-Prim Imħallef kien appunta l-maġistrati għas-smigħ.

Fil-bidu tal-kumpilazzjoni, l-Ispettur Keith Arnaud qal li fis-16 ta’ Ottubru għall-ħabta tat-3 ta’ wara nofsinhar, kien ġie infurmat li kienet seħħet splużjoni fil-Bidnija u li kien hemm persuna mejta. Huwa wera mappa meħuda minn Google Earth li kienert tindika l-post preċiż fejn kienet seħħet l-isplużjoni.L-Avukat difensur Martin Fenech oġġezzjona u talab li jingħata kopja tal-mappa, bil-Qorti tordna lill-prosekuzzjoni ġġib kopja tagħha fis-seduta ta' għada.

Daphne Caruana Galizia nqatlet f'karozza bomba
Daphne Caruana Galizia nqatlet f'karozza bomba

Arnaud qal li l-vittma kienet Daphne Caruana Galizia u li kienet qed tuża karozza tal-kiri. Hija kienet ilha erba’ xhur tikri din il-karozza. Kien iben il-vittma Matthew li ra l-isplużjoni iżda ma seta’ jagħmel xejn biex isalva lil ommu. Intqal li kien il-Maġistrat Anthony Vella li ordna li l-esperti Olandiżi u mill-Istati Uniti jkunu involuti fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija Maltija. L-esperti forensiċi Olandiżi ħadu ħsieb l-investigazzjonijiet fis-sit fejn seħħet l-isplużjoni filwaqt li dawk tal-FBI ħadu ħsieb aspetti oħra tal-investigazzjoni.

Esperti forensiċi fuq il-post fejn splodiet il-karozza bomba
Esperti forensiċi fuq il-post fejn splodiet il-karozza bomba

L-Olandiżi għenu lill-Maltin jiġbru l-evidenza mill-post tal-isplużjoni filwaqt li l-karozza ttieħdet f’garaxx mgħammar apposta u li kien qed jinżamm taħt osservazzjoni 24 siegħa kuljum permezz ta' kameras tas-sigurtà. Il-Pulizija żmantellaw karozza oħra simili għal dik li kienet qed tuża Daphne biex jaraw jekk kienx hemm partijiet li ma kienux jagħmlu parti mill-karozza u sabu ‘electronic board’ li kien parti mill-post fejn kien hemm is-SIM tal-oġġett li kkawża l-isplużjoni.

Inġabru wkoll filmati minn kameras oħrajn li kien hemm fl-inħawi tal-Bidnija, li b’kollox kienu jammontaw għal total ta' 25 siegħa.

Is-sit fejn inqatlet Daphne fil-Bidnija
Is-sit fejn inqatlet Daphne fil-Bidnija

Il-Pulizja bdew josservaw postijiet minfejn min wettaq l-isplużjoni seta’ kien qed josserva lil Daphne Caruana Galizia. Persuna li tkellmet mal-Pulizija qalet li kien hemm karozza żgħira bajda li ta’ sikwit kienet qed iddur fiż-żona u li dakinhar tal-isplużjoni kienet ipparkjata fl-inħawi. Din il-karozza ma dehritx aktar wara li seħħet l-isplużjoni.

Il-Pulizja raw ukoll li numru tal-mowbajl li kien irċieva SMS fit-2.58 ta’ wara nofsinhar minn mowbajl ieħor li kellu konnessjoni ma’ ‘cell tower’ fil-Belt Valletta, liema żewġ numri kienu ġew attivi f’Novembru tal-2016 u ma baqgħux jidhru aktar.

Il-mowbajls intużaw fi tlett okkażjonijiet fejn intbagħtu SMSs lil xulxin. Irriżulta li n-numru IMEI ta’ wieħed minn dawn il-mowbajls ma kienx ta’ telefon ċellulari iżda kien abbinat ma’ ‘circuit board’ li jintuża f’’remote-command modules’, li ġeneralment jintuża biex mill-bogħod jinxtegħlu l-‘appliances’.

Dan kien inxtegħel fl-inħawi tal-Bidnija għall-ħabta tas-2 ta’ wara nofsinhar u baqa’ fl-istess post sakemm irċieva SMS u wara telaq minn fuq il-post. Il-Pulizija rrealizzaw li numru minnhom seta’ kien ġej minn fuq dgħajsa hekk kif dan kien qed jiġi rreġistrat minn ‘cell towers’ li jagħtu lejn il-baħar. Il-Pulizija stabbilixxiet li d-detonatur tal-bomba kien fuq dgħajsa. Instab ukoll li l-aħwa Degiorgio kellhom id-dgħajjes, b'waħda minnhom kien jisimha Maya. Fil-ħin li ntbagħat l-SMS li bih splodiet il-bomba, id-dgħajsa Maya kienet fil-Port il-Kbir sakemm marret lejn il-Marsa.
 
Is-Servizzi Sigrieti interċettaw telefonata mill-mowbajl ta’ George Degiorgio lil persuna oħra fejn qallu biex jagħmillu ‘top-up’ ta’ €5 malajr u ma jdumx. Il-persuna l-oħra fi ftit minuti għamlet dan it-‘top-up’ fuq in-numru li ġie identifikat li kien ta’ George Degiorgio.

L-Ispettur Arnaud qal li l-mowbajls involuti kienu ġew attivati fi żmien 20 minuta minn xulxin, tnejn fl-Isla u ieħor fil-Ħamrun. Peress li George Degiorgio kien talab li ssirlu ‘top-up’ il-Pulizija rnexxilha tasal għall-‘call profiles’ tiegħu ta’ Alfred Degiorgio u Vincent Muscat.

F’xi mumenti waqt is-smigħ tal-kumpilazzjoni tal-provi, l-midja ntalbet toħroġ mill-awla meta l-Ispetturi riedu juru evidenza li kienet sensittiva. Il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront tat-tliet imputati issa se tkompli għada.

More in Qrati u Pulizija