Il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi nħeles mill-akkuża kriminali li xerred aħbar falza u li allarma l-pubbliku meta kien Kelliem tal-Oppożizzjoni fl-2007.
Kien il-Perit Michael, li dak iż-żmien kien Chairman tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, li fetaħ dan il-każ wara artiklu li kien ġie ppubblikat f’gazzetta.
F’dan l-artiklu, Joe Mizzi kien għamel referenza għal kriżi tal-ilma li kellha tkun indirizzata għal futur sostenibbli.
Fl-artiklu huwa kien ikkritika l-Gvern Nazzjonalsta ta’ dak iż-żmien.
Il-Qorti osservat li Joe Mizzi kien ġie akkużat fuq il-Kodiċi Kriminali u mhux skont il-liġi tal-istampa.
Il-Maġistrat Joe Mifsud ikkonkluda li ma tressqux biżżejjed provi li l-artiklu wassal għal allarm jew li wasslu għal inċidenti vjolenti.
Għalhekk iddeċieda li l-artiklu ma kienx aħbar falza bil-għan li jallarma lill-pubbliku u Joe Mizzi nħeles mill-akkużi mressqa kontrih.