It-tfal bniet tal-eksKummissarju Ewropew John Dalli u żewġ persuni oħra tressqu l-Qorti b'akkużi relatati ma’ frodi fuq skema magħrufa bħala Ponzi, fejn allegatament akkwistaw miljuni ta’ dollari b'qerq minn fuq l-Evanġeliċi.
Louise Dalli u Claire Gauci Borda dehru quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja flimkien mal-akkużati l-oħra Charles Ray Jackson u Robert Mitchell McIvor fl-ewwel seduta tas-smigħ tal-każ kontrihom.
L-akkużati l-oħra, Eloise Marie Corbin Klein u Elizabeth Jackson ma kienux preżenti minħabba raġuni ta’ saħħa. L-akkużi mressqa mill-Pulizija jinkludu ħasil tal-flus, miżappropjazzjoni ta’ fondi u frodi fost l-oħrajn.
Gauci Borda tinsab akkużata wkoll li kisret l-Att dwar il-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u li naqset li taqdi d-dmirijiet professjonali bħala accountant u awditur.
Is-sitt persuni jinsabu akkużati b’ħasil tal-flus, miżappropjazzjoni ta’ fondi, frodi, li għamlu dikjarazzjonijiet foloz quddiem awtorità u li ffalsifikaw u għamlu użu minn dokumenti foloz.
Allegatament, l-iskema Ponzi, li dwarha kienet kitbet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2015, kienet qed titmexxa minn Eloise Marie Corbin Klein.
Caruana Galizia kienet irrappurtat kif allegatament l-akkużata b’qerq kienet akkwistat mas-$600,000 minn fuq Kristjani Evanġeliċi anzjani, meta kienet għamlitha ta’ missjunarja u kkonvinċithom jinvestu f’kont bankarju li kellu jmorru għal proġett fl-Afrika iżda allegatament il-flus spiċċaw għand żewġ kumpaniji Maltin, Tyre u Corporate Group, li s-sidien tagħhom huma l-ulied ta’ John Dalli.
Il-kumpaniji huma r-reġistrati fl-indirizz ta' John Dalli f’Portomaso.
Il-każ se jkompli x-xahar id-dieħel.