Żewġt irġiel ta’ 21 sena u 34 sena minn Raħal Ġdid tressqu l-Qorti akkużati li weġġgħu gravi Olandiż ta’ 66 sena u lil martu.
Il-ġlieda nqalgħet f’restorant fil-Mellieħa meta tifel allegatament waddab l-ilma fuq il-ġakketta ta’ mart l-Olandiż.
Fil-Qorti, l-Olandiż qal li martu biddlet postha madwar il-mejda u kompliet tiekol sakemm it-tifel ta daqqa ta’ sieq fuq dahar is-siġġu bil-konsegwenza li l-mara reġgħet biddlet postha.
L-Olandiż qal ukoll li missier it-tifel qam għall-ġlied, beda jimbuttah u waddablu siġġu. Sostna li r-raġel l-ieħor beda jimbotta l-imwejjed u lil martu waqqgħuha mal-art.
Mart l-Olandiż qalet li kienet ikkonfontata minn omm it-tifel u uriet ġrieħi li ġarrbet.
Iż-żewġ akkużati ngħataw il-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ €1,000.