Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ressaq protest ġudizzjarju f’isem il-Grupp Parlamentari kollu tal-Partit Nazzjonalista, li fih jitlob lill-Awtorità tal-Artijiet tieħu l-azzjonijiet kollha possibbli skont il-liġi dwar il-każ tal-Vitals Global Healthcare.
Il-protest huwa indirizzat lill-Prim Ministru, l-Avukat Ġenerali, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Industrial Parks, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet u ċ-Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet kifukoll lit-tmexxija tal-Vitals.
Dan jirrimarka li l-Vitals kisru l-ftehim tal-konċessjoni tal-isptarijiet.
Adrian Delia qal li l-Gvern kiser il-kundizzjonijiet tal-kuntratt pubbliku u ppermetta li kumpanija barranija, li l-ismijiet tas-sidien tagħha mhux magħrufa, jieħdu art, propjetà u tagħmir pubbliku.
Qal li l-kuntratt jistipola b’mod ċar li hemm obbligi li jridu jitħarrsu qabel ma jsir it-trasferiment.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni enfasizza li l-Partit Nazzjonalista huwa magħqud b’vuċi waħda sabiex jipproteġi lill-poplu kemm fil-Parlament u fil-Qorti.