Il-President tisħaq li ma kellha x'taqsam xejn ma' Paqpaqli

Il-President insistiet li l-attivitá kienet organizzata minn entitá indipendenti 

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca saħqet li hi ma kellha x’taqsam xejn mal-attivitá tal-2015 ta’ Paqpaqli għall-Istrina.

Dakinhar, karozza sportiva, misjuqa mill-miljunarju Ingliż Paul Bailey, baqgħet dieħla fil-pubbliku u weġġgħet 23 persuna.

Il-President kienet qed tixhed fil-Qorti meta insistiet li l-attivitá kienet organizzata minn entitá indipendenti u saħqet li fl-ebda ħin ma kellha sehem attiv fl-organizzazzjoni tagħha.

Meta kienet mistoqsija mill-avukat tal-vittmi li fetħu kawża għad-danni kontra Bailey u l-organizzaturi, il-President staqsietu jekk hux qed jippretendi li tkun hi li terfa’ r-responsabbilitá ta’ dak li ġara.

Dan meta l-Avukat Reuben Piscopo beda jikkwota stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-President u semma kif il-Malta Community Chest Fund (MCCF) kienet organizzat l-attivitá.

Minkejja dan, l-avukat tal-President saħaq li għandha tinqara l-istqarrija kollha għax fiha l-President tirringrazzja wkoll lill-organizzaturi ta’ Paqpaqli.

Waqt l-istess grilling, li dam madwar sagħtejn, il-President Coleiro Preca għamlitha ċara li hi ma għandhiex rwol eżekuttiv fl-MCCF u għaldaqstant lanqas ma għandha vot.

Kompliet tispjega li hemm differenza bejn l-attivitajiet li jittellgħu mill-Uffiċċju tal-President, l-MCCF u l-attivitajiet li jsiru taħt il-patroċinju tagħha.

Filwaqt li spjegat li l-MCCF torganizza attivitajiet bħalma hija r-Rockestra, f’dan il-każ ma kinitx hi l-organizzatur iżda kienet qed tappoġġja attivitá bil-għan li jinġabru fondi għall-istrina.

Il-President Coleiro Preca
Il-President Coleiro Preca

Qalet li minn dakinhar li seħħ dan l-inċident, kemm l-Uffiċċju tal-President u anke l-MFFC ma baqgħux jappoġġjaw attivitajiet li matulhom jista’ jkun hemm periklu għall-pubbliku.

Mistoqsija dwar il-fatt li Paqpaqli kienet qed tuża l-logo tal-Istrina, il-President qalet li din hija xi ħaġa normali u hekk isir minn organizzazzjonjiet oħra li jorganizzaw attivitajiet b’risq l-istrina.

Dwar il-laqgħat tal-bord, Coleiro Preca qalet li hi ma attenditx għall-laqgħat amministrattivi u għalhekk ma tafx twieġeb dwar jekk kienx hemm diskussjonijiet dwar Paqpaqli.

Qalet biss li din l-attivitá kienet ilha ssir minn qabel ma laħqet President u ġaladarba kienet attivitá li kien qed ikollha suċċess, kienet staqsiet lill-organizzatur, Tonio Darmanin, jekk kienx interessat li jkompli jorganizza din l-attivitá.

Minkejja dan, reġgħet insistiet li hi ma kellha x’taqsam xejn mal-organizzazzjoni.

L-organizzaturi u anke s-sewwieq qed ikunu akkużati wkoll li wettqu ħsara fuq numru ta’ karozzi.

Mill-Arkivji
Mill-Arkivji

More in Qrati u Pulizija