Wara li lbieraħ ixxandar filmat ta' grupp ta' żgħażagħ jivvandalizzaw waħda mill-iskulturi li jirrapreżentaw idjomi Maltin, il-Pulizija bdiet l-investigazzjoni u t-tfittxija tagħha.
Kelliema għall-Pulizija kkonfermat dan mal-Illum.com.mt u qalet ukoll li bħalissa l-Pulizija qed tfittex aktar filmati biex ikunu jistgħu jgħinuha fit-tfittxija u l-investigazzjoni tagħha.
Kien iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef, li ppubblika l-filmat ta' dawn iż-żgħażagħ jivvandalizzaw l-iskultura li tissimbolizza l-idjoma: "Min jidħol bejn il-basla u qoxritha, jibqa' b'riħitha."
Din kienet biss waħda mill-iskulturi li ġew ivvandalizzati fl-aħħar jiem. Ftit jiem biss wara li tpoġġew, uħud minn dawn l-iskulturi kellhom jitneħħew biex jitranġaw u mistennija jitpoġġew lura f'posthom fil-jiem li ġejjin.
Min għandu aktar filmati ta' dawn iż-żgħażagħ jew persuni oħra jivvandalizzaw dawn l-iskluturi jista' jgħaddih b'mod kunfidenzjali lill-Pulizija.