'Qarib ta' Gaddafi' jipprova jaħrab mill-Qorti
Ir-raġel kien arrestat nhar il-Ġimgħa wara li għamel ta' bir-ruħu li qed jifta' bomba lejn l-Ambaxxata Russa
More in Qrati u Pulizija
Ir-raġel kien arrestat nhar il-Ġimgħa wara li għamel ta' bir-ruħu li qed jifta' bomba lejn l-Ambaxxata Russa
Raġel li jisħaq li hu dixxendent tal-eksdittatur Libjan, Muammar Gaddafi, inżamm arrestat wara li nhar il-Ġimgħa li għadda għamel ta' bir-ruħu li qed jifta’ bomba lejn l-Ambaxxata Franċiża, weġġa’ kuntistabbli tal-Pulizija u dalgħodu pprova jaħrab mill-awla tal-Qorti.
L-akkużat, li għandu 38 sena, mar l-Ambaxxata Franċiża bit-tir li jagħmel passaport Franċiż iżda meta nduna li mhux se jirnexxielu beda jaġġixxi b'mod vjolenti u meta twaqqaf mill-pulizija li kienet għassa, spiċċa biex attakkaha, tant li ġarrbet xi ksur.
Meta kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija, ir-raġel qal li hu qarib ta’ Gaddafi.
L-Ispettur Priscilla Caruana Lee, qalet li din ma kinitx l-ewwel darba li r-raġel kien vjolenti u għamel ta' bir-ruħ li qed jifta’ grenade lejn l-Ambaxxata Franċiża fi Triq Melita fil-Belt Valletta.
Kompliet tispjega li meta l-kuntistabbli talbitu biex jieqaf u jikkalma, ir-raġel attakkaha, kisrilha wieħed mis-swaba’ u ħarab jiġri.
Hu kien arrestat ftit tal-ħin wara, ftit passi ‘l bogħod mill-ambaxxata.
Ftit qabel ma beda jinstema’ l-każ, l-akkużat pprova jaħrab mill-awla iżda nqabad minn Spettur tal-Pulizija li kien eżatt quddiem il-bieb.
Ir-raġel kellu jiġi mmanettjat għax baqa’ jirreżisti bi vjolenza lill-pulizija.
Lura fl-awla, huwa talab skuża lill-Qorti.
Minħabba l-aġir tiegħu, l-akkużat ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest, u l-Maġistrat ordnat li jiġi eżaminat minn psikjatra.
Wara diskussjoni fuq fejn se jinżamm, il-prosekuzzjoni u d-difiża qablu li għalissa jinżamm fit-taqsima forensika tal-Isptar Monte Karmeli.