Qorti | Xerred filmat ta' tarbija qed tiġi stuprata
- Seba' persuni jitressqu l-Qorti akkużati b'pornografija tat-tfal
- Uħud mill-vittmi tfal jistgħu jkunu Maltin
minn Yendrick Cioffi
Seba’ persuni tressqu l-Qorti akkużati b’pornografija tat-tfal, fosthom filmat li juri tarbija tiġi stuprata.
L-akkużati ġew arrestati kollha wara investigazzjoni mill-Pulizija ta' Malta flimkien mal-Interpol.
Quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale, tnejn mill-irġiel ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom.
Huma tressqu l-Qorti akkużati li kellhom fil-pussess tagħhom u xerrdu materjal pornografiku tat-tfal.
Għalkemm isimhom ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, fost l-irġiel akkużati hemm impjegat ta’ bank, kok, żewġ studenti u interior decorator.
Kollox beda meta l-Interpol identifikat għadd ta’ individwi li kienu qed jagħmlu użu ta’ spiss minn siti ta’ pornografija tat-tfal.
“Dan huwa każ kriminali serju ħafna u għalih hemm id-domanda. It-tfal vittmi għandhom bżonn il-protezzjoni wkoll,” saħaq l-Ispettur Joseph Busuttil.
L-ispettur John Spiteri qal li għalkemm it-tfal vittmi għadhom ma ġewx identifikati, insista li wħud minnhom jistgħu jkunu tfal Maltin.
Min-naħa tiegħu, l-Avukat tad-Difiża, Franco Debono, li qed jidher għal ħamsa mill-akkużati insista li qabel jinstabu ħatja, l-irġiel huma innoċenti għalkemm insista li l-każ huwa wieħed sejru.
Minkejja dan, il-Maġistrat ma aċċettax li jagħtihom il-ħelsien mill-arrets.
Dwar il-filmat tat-tarbija, li nstab fil-pussess ta’ wieħed mill-irġiel akkużati, li huwa mill-Filippini, l-Ispettur qal li għalkemm l-akkużi huma l-istess, il-materjal li nstab fil-pussess tiegħu huwa l-aktar kontenut disturbanti li qatt ra.
Saħaq li l-akkużat mhux biss irċieva, iżda qassam dan il-materjal u li l-persuna li ġibed dak il-filmat ingħata s-sentenza tal-mewt fil-Filippini.
Wieħed mill-akkużati huwa student ta’ 20 sena minn San Ġiljan, bl-ispettur jinsisti li f’dan il-każ, l-istudent fittex għall-kurżità u mhux minħabba vizzju. Spjega li l-kurżità tiegħu wasslitu biex ifittex materjal pornografiku kuljum iżda saħaq li mhux biss pornografija tat-tfal.
Dwar dan il-każ, Franco Debono talab lill-Qorti biex tiddeċiedi dwar il-ħelsien mill-arrest skont il-persuna u saħaq li ż-żagħżugħ għandu bżonn l-għajnuna u l-ħabs żgur mhux se jgħinu.
Il-Qorti ddeċidiet li minħabba n-natura tal-każ u anke għax l-evidenza għadha qed tinġabar, ma tatux il-ħelsien mill-arrest imma wara li semgħet kemm lill-prosekuzzjoni u anke lid-difiża ddeċidiet li żżommu arrestat fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli. Ordnat ukoll li jingħata l-għajnuna kollha li għandu bżonn.
Akkużat ieħor għandu 37 sena u huwa mis-Sirja. Dan qed ikun akkużat ukoll b’pussess ta’ droga.
L-Ispettur Spiteri spjega li dan il-każ huwa differenti mill-oħrajn għax l-akkużat instab li kellu biss ritratt wieħed iżda waqt it-tfittxija nstab ukoll li kien fil-pussess tad-droga u li ma kinitx għall-użu personali tieħu. Huwa kien akkużat li xerred ir-ritratt fuq Facebook group chat.
L-avukati tiegħu, Veronique Dalli u Dean Hilli semmew kif il-każ tiegħu seħħ fl-2016 u li dak iż-żmien il-kont tiegħu ta’ Facebook kien ġie hacked.
Huwa ammetta li kien fil-pussess tad-droga.
Bħall-oħrajn, huwa ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.