Mara, li għadha kemm saret omm, tressqet il-Qorti akkużata li serqet lill-Isptar Mater Dei u lill-Gvern madwar €1,300 meta ffalsifikat dokumenti bil-għan li ma tħallasx għas-servizzi tas-saħħa.
L-Ispettur Yvonne Farrugia, ressqet quddiem il-Qorti lill-mara li għandha 34 sena, mis-Serbja u residenti San Pawl l-Baħar.
Fil-Qorti nstema’ kif il-mara ma taħdimx u hija omm ta’ tarbija ta’ 5 xhur.
Skont dak li ntqal fil-Qorti, il-mara applikat għall-permess tar-residenza u għall-impjieg meta kienet tqila, iżda qatt ma rrappurtat għax-xogħol.
Il-mara kienet akkużata li ffrodat lill-Mater Dei u lill-Gvern meta ddikkjarat li kienet taħdem u għalhekk intitolata għal servizz tas-saħħa b’xejn.
L-akkużata, alllegatament, iffalsifikat payslips bil-għan li ma tħallasx għas-servizzi tas-saħħa marbuta mat-tqala.
L-akkużi tagħha jinkludu frodi, użu ta’ dokumenti foloz u li għamlet dikjarazzjonijiet foloz quddiem awtorità pubblika.
Il-mara wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha u l-Avukat tad-Difiża talbet il-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni ħeġġet lill-Qorti biex timponi kundizzjonijiet fuq l-akkużata biex jassiguraw li l-Pulizija jkunu jafu fejn tinsab
Il-Qorti ħelsitha mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €5,000 u ordnatilha wkoll li tiffirma fl-Għassa tal-Pulizija u li ma toħroġx f’ħinijiet partikolari.