Waqt tfittxija li saret għall-għarrieda fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, instabet internet key u f’locker ta’ wieħed mill-priġunieri nstab trab suspettuż.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qal li se jkunu qed jittieħdu passi fil-konfront ta’ priġunier li nstab fil-pussess tal-internet key u se tkun qed tinfetaħ inkjesta dwar it-trab suspettuż.
Il-Ministeru qal li waqt it-tfittxija ma nstabu l-ebda mowbajls u lanqas xorb alkoħoliku.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal li tfittixijiet se jkomplu jsiru b’mod regolari mill-uffiċjali tal-faċilità u anke mill-Korp tal-Pulizija biex jiżguraw is-sigurtà tal-faċilità.