Aġġornata | L-avukat tal-Ministru u l-konsulent tiegħu jgiddeb lil Peter Caruana Galizia

Dalgħodu Peter Caruana Galizia qal fil-Qorti li l-konsulent tal-Ministru Chris Cardona jrid iwaqqa' l-libelli iżda l-Avukat qed jinsisti li l-proposta ġiet minn Peter Caruana Galizia nnifsu

Pawlu Lia, l-Avukat li qed jirrappreżenta lill-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona u lill-konsulent tiegħu Joe Gerada, fil-libelli dwar il-każ tal-Acapulco, qed jisħaq li dak li qal l-armel ta' Daphne Caruana Galizia mhuwiex minnu.

Dalgħodu, Peter Caruana Galizia qal li Joe Gerada, offra li jwaqqa' żewġ libelli li fetaħ meta l-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia allegat li hu u l-Ministru żaru l-burdell Acapulco.

Iżda, l-Avukat qal mal-MaltaToday li t-talba saret minn Peter Caruana Galizia stess u mhux minn Joe Gerada.

"Dak li qal Peter Caruana Galizia mhux minnu...darba ltqajna fil-kuritur tal-Qorti u staqsieni jekk hux se nkompli bil-każi. Staqsejtu xi tridni nagħmel bihom. Din hija xi ħaġa li beda huwa stess," insista l-Avukat.

Qal li Caruana Galizia talbu biex iwaqqa' l-każi u kien hawn li staqsa x'jiġri mill-ispejjeż, b'Caruana Galizia allegatament iwieġeb li l-partijiet kollha jħallsu l-biċċa tagħhom. Kompla jgħid li hu ressaq din il-proposta quddiem il-Ministru Cardona u Joe Gerada, iżda huma insistew li jkomplu bil-libelli għax iridu jippruvaw li dawn kienu biss allegazzjonijet.

"Jiena għidt lil Peter li kulħadd irid jipprova l-innoċenza iżda Gerada ma kienx għadu interresat - hija differenti minn proposta. Din hi l-verità. imbagħad staqsejt lil Peter jekk hux qed jitkellem ukoll f'isem uliedu u wieġeb iva," kompla jgħid Lia.

Sadanittant saħaq li beda jiddiskuti ma' Joe Zammit Maempel, l-Avukat ta' Caruana Galizia u saħaq li evidentament it-tfal ta' Caruana Galizia ma kinux qablu.

Insista li fl-ebda mument Gerada ma tah struzzjonijiet biex iwaqqa' l-każ. "Peter staqsieni u dan għandu jkun ċar."

"Dak li hu pubbliku hu pubbliku iżda min tkellem fil-pubbliku ma qalx il-verità. Jiena lest biex nixhed taħt ġurament dwar dan," saħaq Lia.

Dalgħodu Peter Caruana Galizia qal lill-Maġistrat Francesco Depasquale li Gerada offra li jirtira l-libell dejjem jekk iż-żewġ partijiet jaqblu li Gerada ma jeħilx l-ispejjeż hu. Minkejja dan, Peter Caruana Galizia qal li għad irid jikkonsulta ma' uliedu.

Kien mifhum li l-qraba ta’ Caruana Galizia jixtiequ li jkomplu jinstemgħu dawn il-libelli wara li l-Qorti kienet ordnat lill-operaturi tal-mowbajls biex jikkonservaw it-Tap files kollha tal-Ministru Cardona u ta’ Joe Gerada ta’ bejn it-30 u l-31 ta’ Jannar 2017, jiġifieri l-perjodu li fih, allegatament, żaru l-burdell. Din l-informazzjoni tista’ titfa’ dawl fuq il-postijiet li ffrekwentaw f’dak il-perjodu.

Gerada u l-Ministru Chris Cardona, kienet fetħu total ta' erba' libelli kontra Caruana Galizia u ċaħdu li żaru burdell f'Velbert, fil-Ġermanja, waqt li kienu fuq żjara uffiċjali.

Il-Qorti kienet ordnat li jiġu sekwestrati €47,460 lill-blogger Daphne Caruana Galizia, sakemm jintemm il-każ ta' libell dwar il-każ tal-Ministru Chris Cardona.

 

 

More in Qrati u Pulizija