L-eksuffiċjal tal-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU), Jonathan Ferris, ippreżenta protest ġudizzjarju kontra l-Prim Ministru, il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Avukat Ġenerali u l-uffiċjal tal-External Whistleblower Unit Philip Massa, għax skontu qed iġebbdu l-proċess biex jingħata protezzjoni tal-Whistleblower.
Jonathan Ferris ilu diversi xhur jinsisti li hu tkeċċa mill-FIAU minħabba l-investigazzjonijiet li kien qed jagħmel fuq allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni minn uffiċjali tal-Gvern.
Ferris qed jisħaq li kien hemm indħil ministerjali fid-deċiżjoni ‘illegali u abbużiva’ biex hu jitwaqqaf minn xogħlu.
Il-protest ġudizzjarju jispjega kif fl-1 ta’ Diċembru 2017, Ferris u l-Avukati tiegħu ltaqgħu mal-Uffiċjal tal-Whistleblower fil-Ministeru għall-Finanzi u kienu qalulu li għandu jingħata l-protezzjoni.
Ftit tal-jiem wara, Ferris kien infurmat li bħala eksimpjegat tal-FIAU, it-talba għandha ssir lill-External Whistleblower Disclosure Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Kabinett.
Fl-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru, l-avukati ta’ Ferris kitbu lill-uffiċjal tal-Whistleblower fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Godwin Pulis, jistaqsu għal laqgħa u kienu ngħataw struzzjonijiet biex Ferris jgħid dak li jaf.
Skont il-protest, l-avukati bagħtu xejn inqas minn sitt imejls lil Pulis jistaqsuh fejn Ferris kellu jagħmel dan u f’Jannar tal-2018 ġew infurmati li Ferris kellu jgħid dak li jaf lill-Uffiċċju tal-Kabinett.
It-tim legali ta’ Ferris, kienu għamlu kuntatt ma’ Philip Massa, uffiċjal fl-External Whistleblower Office, bil-għan li jingħata l-istatus ta’ Whistleblower.
Massa kien talab lil Ferris biex jibgħatlu bil-kitba l-informazzjoni li xtaq jikxef u immedjatament wara it-tim legali ta’ Ferris, kien talab laqgħa urġenti.
Erbat ijiem wara, Massa wieġeb b’imejl jispjega li l-informazzjoni, skont l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Whistleblower, għandha tingħata bil-kitba.
Jonathan Ferris iltaqa’ ma’ Massa fil-Belt Valletta u tah id-dokumenti kollha li skontu jiġġustifikaw it-talba tiegħu li jingħata l-protezzjoni. Il-protest ifakkar li l-Avukat Ġenerali kien talab li dawn jitneħħew mill-każ li Ferris fetaħ quddiem it-Tribunal Industrijali minħabba li kienu ta’ “theddida għas-sigurtá nazzjonali” minħabba l-fatt li jinkludu informazzjoni protetta mill-Att dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus.
Skont il-protest, Massa bagħat diversi imejls fl-istess perjodu jitlob għal aktar informazzjoni u evidenza bl-avukati ta’ Ferris kienu fakkruh b’dak li qal il-Prim Ministru lill-Ewroparlamentari meta saħaq li Ferris se jingħata l-protezzjoni. L-avukati akkużaw ukoll lil Massa li qed jostakola l-proċess biex Ferris jingħata l-protezzjoni.
Il-protest ġudizzjarju jakkuża lill-Ministru Owen Bonnici li gideb f’wiċċ l-MEPs meta assigura lid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li kienet qed tinvestiga s-Saltna tad-Dritt f’Malta, li l-Gvern mhux se jkaxkar siequ fl-għoti tal-protezzjoni lil Ferris.
Il-protest ġudizzjarju huwa ffirmat mill-Avukati Roselyn Borg, Jason Azzopardi u Andrew Borg Cardona.