Żewġt irġiel akkużati li serqu minn maħżen f’Tas-Sliema nżammu arrestati minkejja li wieġbu mhux ħatja.
Iż-żewġt irġiel li għandhom 38 u 42 sena u li jgħixu fl-istess appartament kienu akkużati wkoll li kisru sentenzi sospiżi u li saru reċedivi.
L-Ispettur Mark Mercieca qal lill-Maġistrat Josette Demicoli kif fil-5 ta’ Frar li għadda, il-Pulizija waslilha rapport li kien hemm persuna li qed taġixxi b’mod suspettuża ħdejn maħżen f’Tas-Sliema.
Affarijiet misruqa u li kienu lesti biex jinbiegħu, instabu fl-istabbiliment. Sid il-kumpanija kien interrogat u kien identifika lil wieħed mill-akkużati li għaddhielu xi oġġetti “simili ħafna għal dawk misruqa.”
Magna tal-ħjata misruqa nstabet ukoll fir-residenza tal-akkużat.
L-akkużat l-ieħor kien arrestat il-ġimgħa li għaddiet u ammetta li kien involut fil-każ.
Iżda malli l-Maġistrat spjegat l-akkużi, l-irġiel wieġbu mhux ħatja.
Għalkemm saret talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti ordnat li jinżammu arrestati kemm għax għad hemm min irid jixhed u anke għax skontha, ma tistax tafdahom.