Żieda ta’ 31% fis-serq mill-bajjiet fl-2017
Meta wieħed iħares lejn iċ-ċifri sena b’sena, serq permezz ta’ pickpocketing żdied b’aktar minn 500%, fl-aħħar ħames snin
More in Qrati u Pulizija
Meta wieħed iħares lejn iċ-ċifri sena b’sena, serq permezz ta’ pickpocketing żdied b’aktar minn 500%, fl-aħħar ħames snin
Is-sħana bdiet u s-sajf issa riesaq ġmielu u miegħu jiġi l-baħar u l-għawm. Apparti li trid toqgħod attent għas-saħħa tiegħek billi tipproteġi lilek innifsek mix-xemx, jidher illi trid toqgħod attent ukoll fejn tħalli l-basktijiet bl-oġġetti personali tiegħek, fosthom xi kartiera.
Is-sena l-oħra s-serq mill-bajjiet żdied b’31% mis-sena ta’ qabel u dan minkejja li tipi oħrajn ta’ serq, minn postijiet bħall-ħwienet, lukandi, djar u knejjes, naqsu.
Minkejja dan it-tnaqqis meta wieħed iħares lejn iċ-ċifri sena b’sena, serq permezz ta’ pickpocketing żdied b’aktar minn 500%, fl-aħħar tmien snin. Jiġifieri minn 450 każ irrappurtat fl-2009 għal 2,144 każ irrappurtat fl-2017. Dan xorta huwa tnaqqis mill-2,447 rapport li kienu saru fl-2016.
Din il-gazzetta, is-sena l-oħra kienet irrappurtat kif mill-għassa ta’ Tas-Sliema biss il-Pulizija kienet qed tiriċievi medja ta’ 10 rapporti kuljum ta’ serq ta’ dan it-tip, jew inkella mat-3,600 każ ta’ pickpocketing fis-sena.
Intant bħala lokalitajiet jidher illi l-Imdina kienet l-aktar lokalità illi fiha kien hemm kriminalità, bir-rata tkun ħames darbiet aktar mir-rata nazzjonali. Dan probabilment huwa kaġun tal-attività turistika qawwija u allura konċentrazzjoni ta’ nies f’din iż-żona, speċjalment hekk kif ikun riesaq is-sajf.
San Ġiljan kienet it-tieni lokalità bl-ogħla rati ta’ kriminalità flimkien ma’ lokalitajiet bħall-Belt Valletta, il-Furjana u l-Gudja (minħabba l-preżenza tal-ajruport) u magħhom tiżdied ukoll il-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar.
Globalment, matul l-2017 saru 17,136 rapport lill-Pulizija, li huwa wkoll 162 każ inqas mis-sena 2016.