Dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra George Degiorgio, iċ-Ciniz, ħuħ Alfred Degiorgio, il-Fulu u Vince Muscat, il-Kohhu akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, fis-16 ta' Ottubru li għadda.
Fost dawk li taw ix-xhieda tagħhom illum kien hemm mara li nzertat għaddejja bil-karozza lejn il-Bidnija u rat l-isplużjoni sseħħ quddiemha.
Meta bdiet tirrakkonta dak li rat, ix-xhud infaqgħet tibki u qalet li tiftakar splużjoni u ftit wara l-affarijiet bdew itiru ma’ kullimkien.
Spjegat kif kienet madwar 30 metru ‘l bogħod mill-karozza u meta rat l-isplużjoni daħlet f’drive in.
L-Ispettur Arnaud talabha tiddeskrivi l-isplużjoni u hi spjegat kif l-ewwel splużjoni seħħet fuq wara tal-karozza. Ftit wara l-karozza splodiet u baqgħet tinqaleb sakemm spiċċat fl-għalqa.
Id-Difiża titlob li SD card li ma taħdimx tintbagħat barra minn Malta
Xehed ukoll pulizija ieħor li ħa r-ritratti tal-karozza ftit wara li ntfew in-nirien. Huwa kkonferma li r-ritratti li hemm fil-fajl tal-Qorti huma tiegħu.
Hawnhekk id-difiża fakkret li dan il-pulizija għandu SD card oħra ma taħdimx u għalhekk talbet li din tkun eżaminata barra minn Malta biex ikun stabbilit jekk hemmx fiha xi informazzjoni li tista’ tkun utli.
Id-Difiża tfakkar fil-ħelsien mill-arrest tal-akkużati
Intant, id-difiża għamlet ukoll referenza għat-talba tal-ħelsien mill-arrest tal-akkużati u talbet lill-Qorti biex tieħu deċiżjoni wara s-smigħ tal-4 ta’ Lulju, fid-dawl tal-fatt li għad ma għandhiex kopja tar-risposta tal-Avukat Ġenerali.
Is-smigħ tal-lum seħħ ftit jiem wara li l-Qorti ddeċidiet li l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta ma għandux ikompli jinvestiga l-każ.
Dan wara talba li kienet għamlet il-familja Caruana Galizia minħabba l-fatt li Valletta huwa r-raġel tal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana u li mhux l-ewwel darba li ssemma fil-blog ta’ Caruana Galizia.
Fis-smigħ li għadda kienet xehdu wkoll eperti tal-FBI u anke tal-Europol. Aqra aktar dwar ix-xhieda tagħhom billi tagħfas hawn.