Rappreżentant ta’ entità internazzjonali li toħroġ il-liċenzji għall-karozzi sportivi kkontradixxa lill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera li fl-inkjesta dwar l-inċident ta’ Paqpaqli għall-Istrina kienet tefgħet parti mit-tort fuq is-sewwieq Paul Bailey.
Permezz tax-xhieda tiegħu fuq Skype, Simon Blunt, is-Segretarju Ġenerali tal-Motor Sports Association UK, qal lill-Maġistrat Aaron Bugeja li Bailety għandu l-liċenzja Nazzjonali A, il-liċenzja Nazzjonali B, u l-Liċenzja Nazzjonali Ċ, li ddeskriviha bħala l-ogħla liċenzja li jista’ jkollu sewwieq għal GT racing.
Dan jikkontradixxi l-inkjesta maġisterjali li saret wara l-inċident tal-2015, meta l-Maġistrat Scerri Herrera kienet ikkonkludiet li Bailey kellu “nuqqas ta’ esperjenza fis-sewqan professjonali.”
Huwa qal dawn waqt li bejn ilbieraħ u llum kompla jinstema’ l-każ miftuħ mit-23 persuna li weġġgħu, uħud minnhom b’mod kritiku, wara dan l-inċident.
It-13-il membru tal-kumitat organizzattiv, Paqpaqli għall-Istrina, fosthom is-sewwieq, qed ikunu akkużati li involontarjament ikkawżaw ġrieħi gravi fuq persuni u li kkawżaw ħsara fuq diversi vetturi, minħabba imprudenza, traskuraġni u nuqqas ta’ osservanza tar-regolamenti.
Dawk li fetħu l-każ qed jinsistu li l-pubbliku tħalla joqgħod f’żoni perikolużi tat-trakka wara barrieri li ma kinux biżżejjed.