Argument bejn rivali taż-żewġ festi fil-Birgu waslu biex rġel spiċċa bil-punti f'rasi u ieħor quddiem il-Qorti wara li xejjirlu daqqa ta' pjanta.
Quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale, ir-raġel tressaq akkużat li kkawża ġrieħi gravi fuq terza persuna, li attakka lir-raġel, li heddu u li kiser il-paċi pubblika.
Il-fatti dwar il-każ għadhom mhux ċari u min jgħid li l-argument bdieh l-akkużat u min jgħid li beda l-vittma, tant li anke dan tal-aħħar mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.
L-akkużat qed jinsisti li kien il-vittma li beda l-argument tant li qed jisħaq li dan qabdu minn għonqu u sabtu mal-ħajt. Qal li kien dak il-ħin li qabad il-pjanta u tah daqqa biha.
Minkejja dan, persuni oħra li kienu fuq il-post u li tkellmu mal-midja qalu li l-persuna li weġġa' kien mal-familja tiegħu u li ma kienx fis-sakra. F'daqqa waħda grupp ta' rġiel, inkluż l-akkużat, bdew jizzikawh u qabdu jagħtuh.
L-uniku ħaġa ċerta f'dan il-każ hija li l-argument inqala bejn rivali taż-żewġ festi.
Il-Maġistrat Depasquale ħeles lir-raġel mill-arrest bil-kundizzjoni li jiffirma l-Għassa darbtejn fil-ġimgħa u li fil-ġimgħa tal-festa ta' San Duminku, jiġifieri mil-lum sal-Ħadd li ġej, ma joħroġx mid-dar wara s-7pm.