Żewġ żgħażagħ li għandhom 21 u 22 sena tressqu quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech akkużati li serqu karozza u li kienu qed iġorru skieken fil-pubbliku mingħajr il-permess neċċessarju mill-Pulizija.
Huma wieġbu ħatja li f'Lulju li għadda serqu l-vettura, ħabtu biha u baqgħu sejrin.
Fil-fatt, wieħed miż-żgħażagħ qed ikun akkużat ukoll li wettaq ħsara fuq il-karozza, kien qed isuq mingħajr polza tal-assigurazzjoni, b'sewqan perikoluż u li ħabat u baqa' sejjer.
Dan apparti li l-istess żagħżugħ kien akkużat li wettaq dawn ir-reati fi żmien li qed jiskonta sentenzi sospiżi oħra.
L-Avukat Mark Vassallo talab li jkun miktub rapport dwar iż-żgħażagħ qabel mal-Qorti tagħti s-sentenza bil-Qorti taċċetta din it-talba.