Il-Bank Pilatus jinsab xahrejn 'il bogħod milli jitlef il-liċenzja bankarja tiegħu wara li l-Qorti rrifjutat li twaqqaf lil Lawrence Connell, maħtur mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji biex jamministra l-assi u t-tmexxija tal-bank, milli jkompli jieħu l-pagi tiegħu u ta' żewġ ħaddiema oħra, mir-riżorsi kapitali tal-bank.
Pilatus Holdings Limited, bħala l-uniku shareholder ta’ Pilatus Bank, kien talab lill-Qorti biex tieħu passi kontra Lawrence Connell li huwa eks regolatur finanzjarju fl-Istati Uniti.
Skont l-Avukati tal-Bank, Pilatus Bank bħalissa għandu riżorsi kapitali ta' €5.2 miljun. Jekk dan l-ammont jinżel b'€200,000, ikun ifisser li l-liċenzja tal-bank jkollha bilfors tiġi revokata.
Ġaladarba Connell qed jieħu €100,000 f'pagi kull xahar, €50,000 għalih u €50,000 għall-istaff tiegħu, jidher li fi żmien xahrejn il-bank mhux se jkollu biżżejjed riżorsi biex iżomm il-liċenzja.
Connell inħatar mill-MFSA f’Marzu li għadda biex jamministra n-negozju kollu tal-bank wara li l-eks Ċermen tiegħu, Ali Sadr Hasheminejad kien arrestat fl-Istati Uniti fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus u li kiser sanzjonijiet Amerikani fuq l-Iran.
L-Avukat Jean Farrugia saħaq quddiem l-Imħallef Giannino Caruana Demajo li l-MFSA setgħet tagħżel persuna oħra kompetenti b’kundizzjonijiet differenti.
“Mhux ġustifikabbli li jitħallas €50,000 apparti akkomodazzjoni f’lukanda ta’ ħames stilel...hemm ukoll żewġ assistenti miegħu li qed jitħallsu mill-istess kapitali.”
L-Avukat Jonathan Thompson saħaq ukoll li normalment il-persuna li jkollha tieħu salarju ma tkunx l-istess persuna li toħroġ l-istess salarju. “Normalment persuna jkollha tieħu din id-deċiżjoni abbażi tax-xogħol li jkun sar. Hawnhekk għandna l-istess persuna li qed tawtorizza l-pagament,” saħaq l-Avukat.
Minkejja dan, Andrew Muscat, f’isem l-MFSA, saħaq li dan mhux il-każ. Insista li l-paga li qed jieħu Connell hija normali għal persuna li tkun qed tmexxi bank anke jekk l-Avukat Jean Farrugia baqa' jinsisti li l-ammont kien esaġerat meta wieħed jikkunsidra r-restrizzjonijiet imposti fuq il-bank.
"Dawn l-ammont jista' ma jkunx esaġerat f'sitwazzjoni fejn persuna huwa effettivament qed imexxi bank, iżda meta wieħed jikkunsidra d-direttivi imposti mill-MFSA fuq il-Bank Pilatus, Connell ma jistax ikollu dan il-kontroll u għaldaqstent l-ammont huwa eċċessiv," saħaq l-Avukat.
Aqra aktar:
Iffriżati l-operazzjonijiet finanzjarji tas-sid u direttur tal-Bank Pilatus
Il-Pilatus jaqla' daqqa ta' sieq 'l barra mill-Assoċjazzjoni tal-Bankiera Maltin
L-MFSA titlob lil Bank Ċentrali Ewropew biex jirtira l-liċenzja tal-Bank Pilatus
Il-Bank Ċentrali Ewropew se joqgħod fuq l-FIAU dwar il-Pilatus