Żagħżugħ tressaq il-Qorti akkużat li kien armat b’sikkina u beda jipprova jwaqqaf il-karozzi li kienu għaddejin minn Triq il-Mosta f’Ħal Lija.
L-akkużat, li għandu 25 sena u huwa mil-Libja, ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.
Il-każ seħħ nhar il-Ħadd li għadda, meta ż-żagħżugħ beda jhedded lis-sewwieqa biex jieqfu. Kien hawn li pprova jwaqqaf mutur tad-delivery, li spiċċa biex laqat lill-akkużat bis-sewwieq jaqa’ mal-art u weġġa’.
Malli waslu l-Pulizija fuq il-post, l-akkużat kien aggressiv u beda jirreżisthom u jinsulentahom anke meta wassluh l-Isptar għax anke hu weġġa' bid-daqqa tal-mutur.
L-akkużat kien aggressiv anke fil-Qorti fejn saħansita tkellem ħażin meta l-Maġistrat meta beda jipprova jispjegalu l-akkużi.
Huwa tressaq il-Qorti akkużat b’serq u anke li weġġa’ lis-sewwieq tal-mutur.
Huwa wieġeb mhux ħati.