Sewwieqa nħelset mill-akkużi kollha miġjuba kontriha, sitt snin wara li tresqet il-Qorti akkużata b’sewqan perikoluż u li tajret żewġ anzjani nisa.
Dalgħodu, il-Qorti ddeċidiet li l-mara ma kinitx responsabbli għal dan l-inċident għax il-vittmi qasmu minn blind corner bix-xemx warajhom.
Il-każ seħħ fi Frar 2012 bil-vittmi jsofru xi ġrieħi.
Iż-żewġ vittmi qalu lill-Qorti li kienu fi triqithom lejn coffee morning. Qalu li meta ġew biex jaqsmu, iż-zebra crossing kienet ‘il bogħod u għalhekk, meta raw li t-triq kienet vojta, qasmu.
Huma komplew jgħidu li meta kienu f’nofs it-triq raw il-vettura tal-akkużata ġejja lejhom.
Xhud ieħor, li inzerta kien uffiċjal tal-Pulizija, qal li s-sewwieq kienet qed issuq bil-mod anke għax kien hemm ix-xemx eżatt faċċata.
Il-Qorti oħra nnutaw li xhieda oħra qalu li l-vettura kienet qed tinstab bil-mod u li mhux veru li t-triq kienet vojta huma u jaqsmu u li normalment it-triq, fil-ħin tal-inċident, tkun ippakjata.
Qalet li s-sewwieqa ppruvat tevita lill-anzjani iżda meta ndunat bihom kien tard wisq.
Kien minħabba dawn ir-raġunijiet li l-akkużata nħelset mill-akkużi kollha.