Raġel ta’ 32 sena ngħata sentenza sospiża wara li nstab ħati li seraq €1,700 lil tal-gass u dan fi żmien ta’ ħelsien mill-arrest fuq reat ieħor li wettaq. Kien għalhekk li ġew ikkonfiskati wkoll l-€10,000 li kien ħallas bħala garanzija.
Il-ħaddiem tal-gass qal lill-Pulizija li kien innota lir-raġel jaġġixxi b’mod suspettuż u beda jdur mat-trakk. Kien hawn li nnota lill-akkużat jiftaħ il-kabina u jieħu l-pouch. Spjega kif ġera warajh iżda ma laħqux.
Il-vittma u ibnu qalu li għarfu lir-raġel u meta għamlu r-rapport kienu talbu lill-Pulizija biex jarrestawh meta jmur jiffirma, iżda rriżulta li l-akkużat kien ilu sitt xhur ma jmur jiffirma.
Il-Qorti ddikjarat li ma kellha l-ebda dubju li kien l-akkużat li seraq il-flus iżda insistiet li minħabba li għad ma hemmx evidenza fuq numru ta’ reati oħra li qed ikun akkużat bihom, kellha titrattah daqslikieku dan kien l-ewwel reat kriminali tiegħu.
Kien għal din ir-raġuni li l-Qorti tatu sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn.