Dan is-sit jista' jiżvela li kuntistabbli tal-Pulizija kien arrestat nhar il-Ħadd li għadda wara li nqabad bid-droga waqt logħba futbol bejn ix-Xewkija Tigers u n-Nadur Youngsters.
Sorsi li tkellmu ma' dan is-sit ikkonfermaw li l-Pulizija kienu ilhom jiem isegwu l-passi ta' dan il-kuntistabbli żagħżugħ li għandu 21 sena.
Dakinhar tal-arrest, iż-żagħżugħ ma kienx xogħol iżda kien qiegħed il-grawnd biex isegwi l-logħba.
Skont sorsi, iż-żagħżugħ tħalla jidħol it-toilet u ġie arrestat malli ħareġ, anke jekk irreżista l-arrest.
Wara li nħareġ mill-grawnd kompliet it-tfittxija, bid-droga tinstab ukoll fil-karozza tas-suspettat. It-tfittxija kompliet fir-residenza taż-żagħżugħ u fi stabbiliment tal-familja.
Dwar dan il-każ ma nħarġet l-ebda stqarrija min-naħa tal-Pulizija, għalkemm dan is-sit huwa infurmat li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.