Il-Pulizija arrestat żewġ persuni akkużati bi traffikar tad-drogi f’Tas-Sliema jumejn ilu.
Uffiċjali tal-Iskwadra kontra d-droga arrestaw u llum ressqu l-Qorti lil raġel ta’ 42 sena u tfajla ta’ 29 sena separatament quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.
Ir-raġel, li m’għandux impjieg kien akkużat bit-traffikar ta’ kokaina, eroina u kannabis. It-tfajla kienet akkużata bit-traffikar ta’ dawn l-istess drogi u pussess. Jidher illi r-raġel kien qed ibigħ id-droga biex isostni l-vizzju tiegħu.
L-akkużat, aċċetta l-ħtija bil-Maġistrat tagħtih sentenza ta’ tliet snin priġunerija u multa ta’ €2,500. Huwa kien impoġġi wkoll taħt ordni ta’ trattament għal erba’ snin filwaqt li kien ordnat ukoll biex iħallas l-ispejjeż kollha tal-Qorti.
L-akkużata appellat għas-simpatija. “Ilni nuża d-droga sentejn biss u għandi żewġt itfal, wieħed ta’ 10 snin u l-oħra ta’ sitt snin. Din tal-aħħar se tagħmel il-preċett nhar il-Ġimgħa,” qalet imbikkma.
Filwaqt li sostniet li ma ħaqqhiex il-ħabs alludiet illi bdiet tagħmel użu mid-droga wara li ltaqgħet mar-raġel.
Bil-prospett ta’ tliet snin priġunerija, it-tfajla qalet li mhix ħatja.