Dalgħodu fil-Qorti żagħżugħ ta’ 21 sena ġie mixli li hedded, weġġa' u beżża’ lil missieru wara li l-bieraħ attakkah b’sikkina.
Jidher li għall-ħabta tas-7:00 pm l-akkużat kellu argument ma’ missieru bil-konsegwenza li kkaġuna ġrieħi ħfief bl-użu ta' sikkina.
Huwa ammetta immedjatament għall-akkużi miġjuba kontrih.
L-Ispettur li mexxa l-prosekuzzjoni, Robert Vella, informa lill-Qorti li sa 10 t'ijiem ilu, l-akkużat kien qed jiġi segwit minn Uffiċjal tal-‘Probation’. Iżda apparantament f’dawn l-aħħar jiem is-sitwazzjoni mal-qraba tiegħu, b’mod speċjali ma missieru kienet reġgħet marret għall-agħar.
Il-Maġistrat Charmaine Galea, wissiet liż-żagħżugħ li dawn l-akkużi iġorru magħhom piena ta’ seba’ snin ħabs.
Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti talbet li jitħejja rapport mill-Uffiċjal tal-Probation qabel tingħata is-sentenza.
Fil-frattemp, il-Qorti ħelset mill-arrest lill-akkużat iżda imponiet fuqu diversi ordnijiet fosthom li ma jersaqx lejn id-dar tal-familja u li ma jipprovax jagħmel kuntatt ma’ missieru.
Huwa ġie ordnat ukoll biex jiffirma ktieb tal-ħelsien mill-arrest kull nhar ta’ Tnejn u Sibt.
L-Avukat Christopher Chircop kien avukat dwar l-għajnuna legali.