L-investigazzjoni fuq terzi persuni li setgħu kienu involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għadhom għaddejjin. Dan qalu l-Avukat Ġenerali hekk kif il-Qorti reġgħet ċaħdet it-talba ta’ ħelsien mill-arrest għall-aħwa Degiorgio li flimkien ma’ Vince Muscat qed ikunu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista.
L-avukat tal-aħwa kien sostna li bil-kumpilazzjoni tal-evidenza fl-aħħar stadji tagħha u wara li dawn kienu akkużati formalment, “m’hemm ebda raġuni biex dawn jinżammu arrestati.”
L-Avukat Ġenerali oġġezzjona għal din it-talba minħabba dak li ddeskriva bħala "n-natura gravi tal-att kriminali, ir-rekord tal-akkużati u l-konnessjonijiet tagħhom." Hu sostna li kien hemm riskju reali illi dawn ibagħbsu l-evidenza, aktar u aktar issa li jafu illi jekk jinstabu ħatja se jqattgħu għomorhom il-ħabs.
Il-Qorti qalet illi l-oġġezzjoni tal-Avukat Ġenerali hija ġustifikata għallkemm qalet li s-sitwazzjoni ma tistax tibqa’ tippersisti b’mod indefinit.”