Ħaddiem tal-Gozo Channel ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li kien akkużat illi seraq handbag.
Ir-raġel, żagħżugħ ta' 26 sena mix-Xewkija, kien imressaq quddiem il-Maġistrat Bridget Sultana f'Għawdex iktar kmieni illum u kien akkużat b'serq.
L-Ispettur Bernarnd Charles Spiteri qal lill-Qorti illi l-akkużat, li huwa ħaddiem fil-kafetterija,
sab il-handbag li fih kien hemm €1,500 fi flus kontanti u mowbajl. Il-mara kienet nesiet dan il-handbag warajha.
L-akkużat qal li tefa' dan il-basket fil-kamra fejn jitħallew affarijiet mitlufa imma l-pulizija qalu illi t-tifel tal-vittma qal li l-akkużat sostna magħhom li ma kien sab ebda basket.
L-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia qalu li l-klijent tagħhom mhux qed jammettii l-ħtija u talbu għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti tat dan il-ħelsien fuq depożitu ta' €3,000 u garanzija personali ta' €4,000. Ir-raġel se jkollu jmur l-għassa jiffirma tliet darbiet kuljum u jkun id-dar wara ċertu ħin.