Fil-Qorti Djibril Ganiou ġie kkundannat 30 sena ħabs wara li nstab ħati li qatel lill-eks sieħba tiegħu, Caroline Magri lura f'Settembru 2016.
Ir-raġel mit-Togo, kien qed ikun akkużat bil-qtil brutali tal-omm ta’ seba' t’itfal li l-katavru tagħha kien nstab f’appartament f’Ta Giorni.
Meta kien interogat għal ewwel darba, l-akkużat kien stqarr li l-mara kienet ilha tgħid li se tagħmel suwiċidju. Madanakollu aktar tard waqt l-interogazzjoni huwa ammetta għal dan il-qtil. Iżda mbagħad, meta ppreżentat għal ewwel darba l-Qorti, l-akkużat kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Intant illum quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti, Ganiou wieġeb ħati għall-akkużi ta' qtil u pussess ta' sikkina.
Fis-sentenza tagħha il-Qorti ikkundannat lill-akkużat għal 30 sena ħabs u ordantu jħallas € 40,000 fi spejjeż tal-Qorti.
L-Avukat Joseph Ellis kien l-avukat tad-difiża, filwaqt li l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għall-familja tal-vittma
. L-Avukat Elaine Mercieca dehret f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.