Il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia tennew li mhux lesti jaċċettaw li Joseph Muscat iwaqqa’ l-libelli li kien fetaħ kontra l-ġurnalista jekk huma jgħidu li kienet żbaljata fl-allegazzjonijiet dwar il-kumpanija Egrant.
Il-Prim Ministru kien fetaħ libell kontra Caruana Galizia wara li kienet allegat li l-kumpanija fil-Panama Egrant kienet ta’ Michelle Muscat.
Fi smigħ f’Jannar li għadda, Muscat kien qal li lest iwaqqa’ l-libelli jekk l-eredi tal-ġurnalista jgħidu ċar u tond li kienet żbaljata.
Madanakollu, il-familja qed tibqa’ tisħaq li huma ma jistgħux jaċċettaw din it-talba għax ma għandhomx aċċess għar-rapport sħiħ tal-Maġistrat (issa Imħallef) Aaron Bugeja dwar l-inkjesta Egrant.
Fil-fatt, huma qed jisħqu li jingħataw kopji tax-xhieda ta’ Caruana Galizia u anke ta’ Maria Efimova.
Huma qed jitolbu wkoll li jaraw ix-xhieda ta’ Jaqueline Alexander dwar jekk hux vera li hi ffirmat dokument li fih hemm indikat li Michelle Muscat kienet is-sid benefiċċjarju tal-kumpanija Egrant, ta’ Karl Cini u anke ta’ Brian Tonna.
Huma talbu wkoll li r-rapporti tal-accountants forensiċi li ħadmu fl-inkjesta dwar il-Pilatus Bank.
Aqra wkoll: