Repubblika jitolbu inkjesta maġisterjali dwar il-każ ta' Chetcuti Cauchi

L-applikazzjoni fil-Qorti kienet iffirmata mill-Avukat u d-Deputat Jason Azzopardi

Il-grupp Repubblika, permezz ta’ applikazzjoni fil-Qorti ffirmata mid-Deputat u l-Avukat Jason Azzopardi, talab inkjesta maġisterjali dwar il-każ tad-ditta legali Chetcuti Cauchi, liema ditta legali hija aġent tal-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment, anke jekk bħalissa l-liċenzja tagħha ġiet sospiża.

Dan wara li l-programm Franċiż Enquête Exclusive, ippubblika programm dwar Malta fejn ġurnalist Franċiż mar fl-uffiċini ta' Chetcuti Cauchi biex jistaqsi dwar il-programm taċ-ċittadinanza Maltija. 

Ġurnalist, ippoża daqslikieku kien rappreżentant legali ta’ klijenti Afrikani li kienu interessati li jixtru ċ-ċittadinanza Maltija.

L-Avukat Malti jinstema’ jiftaħar fuq kemm għandu relazzjoni tajba mal-Prim Ministru Joseph Muscat, fosthom għax kien l-iskola miegħu. Jinstema’ jsemmi wkoll kif martu hija ħabiba tas-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza, Julia Farrugia Portelli.

Aktar tard il-ġimgħa li għaddiet ħareġ ukoll filmat li permezz tiegħu Chetcuti Cauchi jippromovu s-servizzi tagħhom bħala aġenti, liema filmat inġibed Kastilja u fih tidher ukoll Farrugia Portelli.

Filwaqt li fakkret li ma taqbilx mal-prinċipju taċ-ċittadinanza b’investiment, Repubblika insistiet li minn dak żvelat jidher li s-sigurtà nazzjonali mhux qed tittieħed b’serjetà, b’Ministri jkollhom is-setgħa li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet li jittieħdu, anke għal dawk il-persuni li japplikaw u li jkollhom rekord kriminali.

More in Qrati u Pulizija