Żewġ aħwa tressqu l-Qorti akkużati li l-Ħadd li għadda taw daqqa ta’ sikkina lil raġel ieħor waqt argument fil-Belt Valletta.
L-akkużati t-tnejn li huma mill-Ħamrun u ta’ 33 sena u 28 sena rispettivament dehru quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri akkużati li kkawżaw feriti gravi lir-raġel u li kisru l-paċi pubblika.
Il-Qorti semgħet kif l-argument qam fi blokk ta’ appartamenti fil-Belt Valletta u li l-irġiel akkużati marru hemm biex jassistu lil ħabib tagħhom li kien involut f’dan l-argument.
L-aħwa wieġbu mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontriha. L-avukat tagħhom, Frank Cassar talab għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat u argumentat li l-irġiel għandhom jinżammu taħt arrest minħabba l-fatt li xhieda ċivili, fosthom il-vittma u martu, għadhom ma kinux jixhdu.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura tal-akkużi u qalet li ma kinitx konvinta li l-akkużati setgħu u jsegwu l-kundizzjonijiet imposti fuqhom mill-Qorti għall-ħelsien mill-arrest.