Raġel li seraq karozza u ammont konsiderevoli ta’ għodda nżamm arrestat fuq ordni tal-Qorti.
Ir-raġel, mis-Siġġiewi, tressaq il-Qorti akkużat b’serq, fosthom ta’ għodda u anke karozza u kif ukoll talli kiser ordni ta’ probation u sentenza sospiża.
L-akkużat ċaħad l-akkużi kollha miġjuba kontrih.
Skont il-prosekuzzjoni, il-każ seħħ fi Triq il-Mosta f’San Pawl il-Baħar fil-24 ta’ Settembru. Il-karozza nsterqet minn Triq id-Durumblat fil-Mosta, bl-akkużat, allegatament, ipprova jbiegħha lil xi ħadd ieħor f’April li għadda.
Id-Difiża talbet il-ħelsien mill-arrest għax, skontha, il-valur tal-affarijiet misruqa ma kienx għoli.
L-akkużat għandu erbat itfal u s-sieħba tiegħu hija tqila.
Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni ċaħdet li l-valur tal-affarijiet misruqa kien minimu.
Il-Qorti saħqet li ma tistax tafda lir-raġel u għalhekk ordnat li jinżamm arrestat.