Raġel ta’ 37 sena mill-Libja ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €15,000 wara li ġie mixli b’serqa mid-dar ta’ ħabib tiegħu.
Huwa tressaq il-Qorti dalgħodu mill-Ispettur Trevor Micallef mixli b’serq aggravat u li fformula ċavetta sabiex jidħol fid-dar tal-ħabib tiegħu. Hu mifhum li f’din is-serqa l-akkużat kellu fil-mira tiegħu pittura antika u miżien antik.
Is-serqa marret żmerċ għaliex fl-istess mument li l-akkużat kien ħiereġ bl-affarijiet allegatament misruqa, daħal is-sid tad-dar.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih filwaqt li talab għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti laqgħet din it-talba fuq garanzija personali ta’ €15,000. Apparti minn hekk, huwa ġie ordnat jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa fl-għassa tal-Pulizija.