Kuntrattur ta’ 35 sena minn San Pawl il-Baħar tressaq il-Qorti akkużat li seraq twieqi tal-aluminju minn sit tal-kostruzzjoni fiż-Żejtun.
Huwa deher quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, akkużat b’serq aggravat, ħsarat kriminali u li kien fil-pussess ta’ oġġetti misruqa.
Il-Qorti semgħet kif l-akkużat kien ġie arrestat wara li pprova jbiegħ dawn it-twieqi misruqa lil negozjant. Dan tal-aħħar kien pront biex jinnota il-marka tal-manifattur u għalhekk għamel kuntatt mas-sid.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għal-akkużi u talab il-ħelsien mill-arrest.
Fis-sentenza tagħha, l-Qorti tagħtu l-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li ma javviċinax ix-xhieda. Apparti minn hekk hu ġie ordnat jiffirma fl-għassa tal-Pulizija kull ġimgħa u jipprovdi depożitu ta’ €500.
Madanakollu, l-akkużat kien pront jgħid fil-Qorti li ma kellux flus biżżejjed u li ma Kellu l-ebda membru tal-familja li seta’ jgħinu.
Fid-dawl t’hekk il-Maġistrat qaltlu biex jistenna s-seduta li jmiss u jqajjem din il-kwistjoni għal darb’oħra.