Jingħata l-libertà kundizzjonata wara argument m'oħtu dwar fenek

Skont il-verżjoni tal-vittma, ħuha kien tefa’ borma ilma fid-direzzjoni tagħha, imbagħad qabadha minn wara u xeħitha mal-art u kompla jagħtiha bis-sieq.

Raġel ta’ 41 sena ngħata l-libertà kundizzjonata wara li nstab ħati li żamm lill-oħtu kontra l-volontà tagħha wara li qam argument dwar fenek.

L-akkużat kien tressaq il-Qorti f’Jannar li għadda wara argument fir-razzett tal-familja f’San Ġwann. Jidher li l-argument kien qam wara li l-vittma bdiet tgerger li l-fenek tagħha kien qabad u ħadu n-neputi mingħajr avviż.

Skont il-verżjoni tal-vittma, ħuha kien tefa’ borma ilma fid-direzzjoni tagħha, imbagħad qabadha minn wara u xeħitha mal-art u kompla jagħtiha bis-sieq. Qalet ukoll li ħuha għalaqha fl-istalla u kien hemmhekk li ndunat li kellha qatgħa kbira f’idejha u beda ħiereġ ħafna demm.

Il-Qorti semgħet li skont l-akkużat hu kien għalaq il-mara fl-istalel minħabba li kienet attakkatu b’flixkun mkisser u li għalaqha sabiex tikkalma u jevita aktar eskalazzjoni.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti qalet li mhix konvinta li l-ġrieħi tal-mara kienu kkawżati mill-akkużat. Fuq l-akkuża ta’ feriti gravi, il-Maġistrat Joe Mifsud qal li dawn ma kienux kaġun tal-ġlieda filwaqt li nnutat ukoll li l-ġrieħi kienu seħħew waqt li l-mara kienet fl-istalla.

Finalment Mifsud ikkundanna l-użu ta’ vjolenza domestiku u qal li l-familja għandha tkun spazju sigur. Qal li l-Qorti tista’ tiddeċiedi l-każijiet fuq l-evidenza. B’hekk il-Qorti lliberat lir-raġel mill-kull akkuża ħlief dik li żamm lill-mara kontra l-volontà tagħha.

More in Qrati u Pulizija