Żagħżugħ ta’ 23 sena baqa’ miżmum arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat b’żewġ serqiet fuq anzjani.
Iż-żagħżugħ mill-Kalkara, ġie mixli b’serq aggravat u li kien riċediv. Il-Prosekuzzjoni spjegat li hu seraq ġiżirana minn anzjana ta’ 65 sena f'Ħal Tarxien fit-12 ta' Ottubru u li seraq oġġetti oħra minn għand anzjana ta’ 69 sena fil-Kalkara nhar is-16 ta' Ottubru li għadda.
Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li l-Pulizija eżaminat filmati tal-kameras tas-sigurtà wara diversi rapporti ta’ serq. Spjegaw li waqt li l-Pulizija kienu qed jitkellmu mal-akkużat, saru jafu li l-oġġetti misruqa nstabu f’post fejn l-istess akkużat kien intlemah.
Jidher li wara l-arrest tiegħu huwa ammetta l-ħtija għalkemm waqt l-interrogazzjoni tiegħu reġa’ ċaħad mill-ġdid.
Huwa talab għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-fatt li t-tifel tiegħu jinsab l-isptar jistenna li jkun operat.
Fl-aħħar nett, il-Maġistrat Joe Mifsud irrimarka li l-Qorti ma ttolleratx il-vjolenza fuq l-anzjani u ċaħad il-ħelsien mill-arrest.
Madanakollu filwaqt li ħeġġu jibdel it-triq għall-ġid ta’ ibnu, Mifsud għamel rakkomandazzjoni lill-awtoritajiet tal-ħabs sabiex jagħtu l-permess l-akkużat ikun preżenti fl-isptar.