Neville Gafà jiftaħ kawża kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali

Gafà qed jargumenta li s-seduta ta' din il-ġimgħa kisret id-drittijiet fundamentali tiegħu

Neville Gafà fetaħ kawża kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali minħabba l-mod u manjiera li xhieda Libjani tkellmu fl-aħħar seduta fil-każ ta’ libell li huwa fetaħ kontra l-Malta Independent.

Fl-aħħar seduta, li saret fit-28 ta' Ottubru, ħames persuni li xehdu mil-Libja permezz ta’ Skype qalu li Gafà talab eluf ta’ ewro għall-ħruġ tal-viżi mediċi.

Fl-applikazzjoni ppreżentata llum, l-avukati ta’ Gafà, Edward Gatt u Mark Vassallo, qalu li fis-seduta preċedenti, l-Maġistrat Victor Axiaq wera ‘ostilità kbira’ lejn l-akkużat u d-difiża meta opponew il-produzzjoni tax-xhieda. Huma saħqu li x-xhieda l-ġodda ma kellhom l-ebda appoġġ ġudizzjarju mill-Libja filwaqt li l-kwalità ta’ komunikazzjoni u tat-telefonata nnifisha kien wieħed fqir. Tant u hekk li skont l-istess avukati l-persuni lanqas setgħu jiġu ddentifikati.

B’hekk Gafà argumenta li s-seduta ta’ din il-ġimgħa kisret id-drittijiet fundamentali tiegħu. Huwa talab lill-Qorti tiddikjara dan il-ksur filwaqt li tordna li t-tneħħija tal-vidjo u t-traskrizzjonijiet kollha tax-xhieda.

More in Qrati u Pulizija