Żewġ nisa mill-Ukrajna, li t-tnejn jgħixu Ta' Xbiex, ingħataw il-libertà kkundizzjonata wara illi aċċettaw il-ħtija illi waqt ġlieda f'Paceville attakkaw pulizija.
Huma kienu mressqin quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella dalgħodu u akkużati illi rreżistew b'mod vjolenti lill-uffiċjal tal-pulizija, li insultawha u heddewha. Huma kienu akkużati wkoll illi kisru l-paċi pubblika u li m'obdewx l-ordnijiet tal-pulizija.
L-ispettur Leeroy Balzan Engerer spjega kif in-nisa kienu qed joħolqu għagħa fil-bar Footloose nhar is-7 ta' Novembru. Waqt l-arrest in-nisa rreżistew u taw daqqa ta' sieq lill-pulizija f'żaqqha. Huma kienu fis-sakra.
Wara li ħadet f'kunsiderazzjoni l-fatt li ammettew il-ħtija, il-kondotta nadifa tagħhom u l-apoloġija, il-Qorti tagħthom sentenza ta' tliet snin b'libertà kkundizzjonata.