Missier fetaħ protest ġuddizjarju kontra l-Kummissarju tal-Pulizija għax fi kliemu falla milli jieħu azzjoni kontra omm ibnu li qed tiċħad li tħallih jiltaqa’ mat-tifel.
Il-protest, iffirmat mill-avukat Stefano Filletti, jisħaq li l-missier kien ingħata aċċess sħiħ għat-tifel, iżda l-omm qed tikser kull ordni mogħtija mill-Qorti.
Ikompli jgħid li l-missier irrapporta kemm-il darba lill-Pulizija, għax dak li wettqet huwa reat kriminali.
Il-protest jisħaq kif minkejja numru ta’ imejls, ittri u anke laqgħat ma’ uffiċjali tal-pulizija dwar il-każ, il-Pulizija ma għamlu xejn u l-mara baqgħet ma ġietx akkużata
Skont il-protest, ir-raġel ilu ‘l fuq minn sena ma jara lit-tifel u hu mifhum li l-omm qed tgħix il-Marokk (min fejn hi) ma’ binha.
Ir-raġel qed jisħaq kif meta f’Marzu li għadda staqsa xi progress sar, il-pulizija tawh verżjonijiet differenti, fosthom li kellu jerġa’ jagħmel rapport ġdid għax kien għadda wisq żmien mill-aħħar rapport.
Minkejja dan, ir-raġel qed jisħaq li l-każ waqa' minħabba n-negliġenza tal-Pulizija.
Fil-protest, il-missier qed jisħaq li dan il-każ jimmerita azzjoni urġenti, għax l-omm kienet qed tinjora, tikser u anke tisfida ordnijiet tal-Qorti u dan minkejja diversi rapporti li saru.
Ikompli jinsisti li dan kollu qed jikser id-drittijiet fundamentali kemm tal-missier u anke tal-iben u għalhekk qed iżomm responsabbli lill-Kummissarju tal-Pulizija.