Muka kien liebes ġiżirana ta' Pandolfino meta ġie arrestat
Lill-Pulizija l-allegat qattiel qalilhom li dan il-pjan ma kienx tiegħu

minn Yendrick Cioffi

Meta ġie arrestat, Daniel Muka kien liebes il-ġiżirana li allegatament seraq minn ma’ għonq it-tabib Chris Pandolfino, ir-raġel li nqatel flimkien mas-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski fir-residenza tagħhom f'Tas-Sliema.
Waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Muka, akkużat bil-qtil, xehed l-Ispettur James Grech li spjega l-investigazzjoni tal-Pulizija u kif waslet għall-arrest ta’ Muka f’residenza fil-Furjana.
Kien Grech li spjega kif Muka, meta daħlu fuqu l-Pulizija, kien liebes ġiżirana li x’aktarx kienet f'għonq Pandolfino meta dan inqatel.
Ħerba sħiħa f'erba' minuti
L-Ispettur insista li sa issa l-indikazzjonijiet li għandha l-Pulizija hija li din kienet serqa li marret ħażin.
Spjega kif partijiet minn ġiżirani li Pandolfino kien iħobb jilbes instabu mal-art fid-dar tal-vittma fil-Furjana u għalhekk kollox jindika li dawn ġew imqaċċta minn ma’ għonq it-tabib u misruqa.
Grech spjega kif Pandolfino nstab viċin il-bieb tad-dar u kien liebes biss qalziet ta’ taħt, filwaqt li Maciejowski nstab mejjet fis-sular ta’ fuq. Pandolfino nstab liebes ġiżirana waħda biss.
Mill-marki li sabu l-investigaturi, jidher li l-bieb tad-dar kien sgassat. Il-Pulizija taħseb li Muka ċempel il-bieb u meta Pandolfino fetaħ u nduna x’kien se jiġri, ipprova jagħlaq il-bieb iżda Muka uża l-forza biex jidħol.

Pandolfino nqatel b’ħames tiri, filwaqt li Maciejowski kellu biss tir wieħed f’rasu.
Kollox jindika li Muka u sħabu għamlu biss erba’ minuti fir-residenza ta’ Pandolfino u s-sieħeb tiegħu.
Muka qal lill-Pulizija li dan ma kienx il-pjan tiegħu
Skont l-Ispettur, kameras tas-CCTV qabdu l-karozza li biha ħarab Muka u sħabu, minn quddiem ir-residenza sal-parkeġġ ħdejn l-isptar San Luqa fejn instabet.
Aktar filmati juru lill-irġiel fuq bustop u wieħed minnhom jidħol f’ħanut jistaqsi għall-password tal-Wifi.
It-tlett irġiel daħlu f’taxi.
L-Ispettur kompla jisħaq kif fuq flokk li nstab fil-bagoll tal-karozza, instabu traċċi tad-DNA li jaqbdlu kemm ma' tal-vittmi u anke ma’ dawk ta’ Muka.
Insista li Muka insista għal aktar minn darba mal-Pulizija li dan ma kienx il-pjan tagħhom.
“Ma nafx. Sempliċiment għażlu lili,” qal Muka lill-Pulizija.
Apparti Muka, Viktor Dragomanski ukoll qed ikun akkużat b’dan il-qtil, filwaqt li t-tielet persuna, Jesper Kristiansen, kien arrestat fi Spanja u bħalissa qed jistenna biex ikun estradit lejn Malta biex ikun jitressaq akkużat b’dan il-qtil.

